Xjenza Malta, f’kollaborazzjoni mal-EURISY, l-Assoċjazzjoni għall-Aġenziji Spazjali Ewropej, ospitat workshop internazzjonali ta’ jumejn bit-tema “Big Data: Space Solutions for Society” ġewwa l-Esplora. L-avveniment laqqa’ flimkien atturi ewlenin fir-riċerka, il-politika u l-industrija minn Malta u madwar l-Ewropa biex jesploraw kif id-data mis-satelliti qed tinbidel f’għodda għal soluzzjonijiet sostenibbli għall-isfidi tas-soċjetà.
Permezz ta’ dan il-workshop, Xjenza Malta saħħet l-impenn tagħha li tappoġġja l-użu ta’ teknoloġiji spazjali u data satelittari fl-ekonomija u fis-servizzi pubbliċi, filwaqt li kkonfermat l-għan tagħha li tindirizza sfidi ambjentali u soċjali permezz ta’ soluzzjonijiet bbażati fuq l-evidenza u l-innovazzjoni. L-avveniment saħħaħ ir-rwol ta’ Malta fl-ekosistema Ewropea tal-ispazju u ħoloq pjattaforma għal djalogu produttiv bejn l-istituzzjonijiet, ir-riċerkaturi u l-industrija.