Xjenza Malta qed issaħħaħ l-impenn tagħha li tintensifika l-ekosistema tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ Malta permezz ta’ opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament tematiku, b’investiment totali ta’ €1.7 miljun, li jindirizzaw il-prijoritajiet nazzjonali u l-ħtiġijiet settorjali emerġenti.
Dan tħabbar illum mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima waqt avveniment li laqqa’ flimkien rappreżentanti mill-gvern, ir-riċerka, l-industrija u l-innovazzjoni. L-avveniment enfasizza kif il-finanzjament immirat għar-riċerka u l-innovazzjoni jista’ jindirizza sfidi nazzjonali u ħtiġijiet tas-suq, filwaqt li wera l-valur tal-kollaborazzjoni interministerjali u trans-settorjali fil-ħolqien konġunt u t-twettiq ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament.
Il-Ministru Clifton Grima tkellem dwar kif ir-riċerka u l-innovazzjoni huma fundamentali għall-kompetittività futura ta’ Malta u l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti f’dan is-settur. “Ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed kemm huwa essenzjali l-approċċ kollaborattiv jekk irridu nibnu ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni aktar b’saħħitha f’Malta. Madankollu, filwaqt li rridu nkomplu noħolqu opportunitajiet biex ir-riċerkaturi u x-xjentisti jiżviluppaw l-ideat tagħhom, irridu wkoll noħolqu l-mogħdijiet li jippermettu lil dawn l-ideat imorru lil hinn mir-riċerka nnifisha u jwasslu għal impatt sinifikanti. Dan ifisser li ninkoraġixxu involviment akbar bejn l-akkademja, l-intraprendituri, in-negozji ġodda (start-ups), l-industrija, l-entitajiet pubbliċi u dawk li jfasslu l-politika, kif ukoll li noħolqu ambjent fejn l-għarfien jista’ jiġi tradott f’soluzzjonijiet,” qal il-Ministru Grima.

