Il-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) nediet uffiċjalment it-tieni sejħa għall-Programm ta’ Riċerka dwar il-Kanċer b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta. Is-CRIHM, fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, twaqqaf sabiex imexxi ’l quddiem sforzi nazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni dwar il-kanċer.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-programm u s-sostenn li qed jingħata lir-riċerka. “Din is-sena, qed nirduppjaw l-investiment tagħna billi allokajna miljun ewro f’għotjiet għal proġetti innovattivi ta’ riċerka dwar il-kanċer. Din iż-żieda sinifikanti fil-finanzjament tenfasizza l-importanza kruċjali ta’ dan il-qasam u tirriafferma l-impenn tagħna li nappoġġjaw avvanzi xjentifiċi li jistgħu verament jibdlu l-ħajja tan-nies.”
Min-naħa tiegħu, il-Professur Christian Scerri, Chairman tal-CRIHM, spjega li dan il-programm mhuwiex biss investiment f’riċerka iżda wkoll f’innovazzjoni, kollaborazzjoni u tama. “Ir-riċerka dwar il-kanċer għandha s-setgħa li tibdel il-ħajjiet, u billi naħdmu flimkien mad-dixxiplini, l-istituzzjonijiet u s-setturi nistgħu naċċelleraw suċċessi li jiffurmaw il-futur tal-kura tal-kanċer. Din is-sejħa hija xhieda tal-impenn komuni tagħna biex nimxu ’l quddiem fix-xjenza għall-benefiċċju tal-pazjenti, il-familji u l-komunitajiet.”