Fl-edizzjoni ta' din is-sena taċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet għas-Servizz Pubbliku, il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, L-MCST, irċieva l-'Premju għall-Aħjar Prattika fil-Governanza Tajba' minn fost l-entitajiet kollha tal-amministrazzjoni pubblika. Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet saret f'Dar il-Mediterran għall-Konferenzi taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha l-President ta' Malta, Dr Myriam Spiteri Debono.
L-aġġudikazzjoni għall-għażla tar-rebbieħ ta' dan il-premju kienet fdata f’idejn l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li għamel eżerċizzju estensiv ta' awditjar fuq diversi kampjuni tal-proċess tal-amministrazzjoni tal-fondi pubbliċi għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-MCST, u eżamina l-proċess b'mod metikoluż għal kwalunkwe anomalija jew irregolaritajiet. Meta tlesta dan l-eżerċizzju, l-NAO kkonkluda li l-proċessi u d-dokumenti kollha ċċekkjati saru skont il-prinċipji ta’ governanza tajba, u li l-mod kif ġew amministrati l-ispejjeż juri responsabbiltà u trasparenza. Dan huwa eżempju ta’ etika tax-xogħol eżemplari tal-“Aħjar Prattika" fl-amministrazzjoni u l-governanza tal-fondi pubbliċi.
Is-Sur Silvio Scerri, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (li issa qed jissejjaħ Xjenza Malta), faħħar lill-ħaddiema tal-MCST għad-dedikazzjoni, l-integrità u l-onestà tagħhom. Is-Sur Scerri qal "Ninsab onorat li qed nirċievi l-premju għall-Governanza Tajba f'isem l-impjegati kollha li ta' kuljum jidħlu għax-xogħol biex b’diliġenza jamministraw dawn il-fondi pubbliċi nazzjonali fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, u jservu lill-pubbliku b'impenn sod." Il-Kap Eżekuttiv ta' Xjenza Malta kkonkluda billi rringrazzja lill-impjegati kollha involuti tal-ġieħ kbir li għamlu lil Xjenza Malta permezz ta’ dan il-Premju prestiġjuż.