Id-Direttorat tar-Riċerka u l-Innovazzjoni fi ħdan Xjenza Malta, jamministra tliet portafolli ta’ finanzjament nazzjonali li jappoġġjaw il-Pjan Strateġiku Nazzjonali tar-R&I 2023 – 2027: FUSION, il-Programmi Tematiċi, u l-Iskema ta’ Netwerking tar-Riċerka. Flimkien ma’ entitajiet governattivi u pubbliċi, l-Akkademja, il-mikrointrapriżi, l-SMEs u l-intrapriżi l-kbar, permezz tal-portafolli ta’ finanzjament, id-direttorat tar-R&I jimpenja ruħu biex joħloq ekosistema b’saħħitha li tixpruna l-progress tas-soċjetà, u tpoġġi lil Malta fuq quddiem fl-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi.<br>

  • FUSION huwa l-programm ewlieni ta’ finanzjament nazzjonali, imfassal biex imexxi u jappoġġja l-isforzi lokali tar-R&I. Dan il-portafoll ta’ programmi ta’ fondi jipprovdi l-appoġġ meħtieġ lir-riċerkaturi u t-teknoloġisti biex jittrasformaw l-ideat innovattivi tagħhom f'soluzzjonijiet lesti għas-suq. FUSION jinkludi diversi skemi li joffru l-konsulenza esperta u l-appoġġ finanzjarju meħtieġ fil-livelli kollha tar-R&I; mir-riċerka bażika sa dik applikata, u l-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka. Dan jiżgura li l-komunità tar-riċerka Maltija jkollha l-għodda meħtieġa biex tiżviluppa ideat li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà.
  • Il-Programmi Tematiċi huma mmirati lejn inizjattivi top-down li jindirizzaw xi ħtieġa partikolari fis-suq jew inkella xi problema li s-soċjetà tkun qiegħda tesperjenza f’dik is-sena partikolari. Dawn il-programmi tematiċi għandhom l-għan li jtejbu r-R&I fil-kuntest Malti billi joħolqu sistema koeżiva għar-riċerkaturi u l-imprendituri biex ikunu jistgħu jiżviluppaw l-ideat innovattivi tagħhom f’ambjent komprensiv u adattat sew għas-settur tagħhom.
  • L-Iskema ta’ Netwerking tar-Riċerka tipprovdi opportunitajiet għal inizjattivi kollaborattivi għal sħubija internazzjonali filwaqt li tappoġġja lir-riċerkaturi fil-pubblikazzjoni tar-riżultati tar-riċerka tagħhom f'ġurnali riveduti bejn il-pari b’aċċess miftuħ.