Xjenza Malta u l-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka tal-Italja jiffurmaw alleanza biex jixprunaw il-kollaborazzjoni reġjonali u globali fir-riċerka

Xjenza Malta, l-Aġenzija Nazzjonali għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, u l-Ispazju, u l-Kunsill Nazzjonali Taljan tar-Riċerka (CNR), l-istituzjoni pubblika ewlenija tar-riċerka fl-Italja, għamlu pass sinifikanti fit-tisħih tal-impenn tagħhom biex javvanzaw ir-riċerka u l-innovazzjoni xjentifika. Permezz ta’ dan il-Memorandum ta’ Ftehim (MoU), din il-kollaborazzjoni mhux biss se tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet storiċi bejn Malta u l-Italja, iżda se tixpruna l-viżjoni konġunta biex jiġu indirizzati wħud mill-aktar sfidi urġenti li qed jaffaċċjaw il-Mediterran u l-Ewropa, b’mod inġenerali.

Din is-sħubija strateġika tkabbar il-kapaċità ta’ Malta bħala ċentru għar-riċerka u l-iżvilupp fi ħdan il-Mediterran, u tagħti lil Xjenza Malta rwol ewlieni fid-diplomazija internazzjonali tal-innovazzjoni. Bħala l-aġenzija nazzjonali ta’ Malta għall-finanzjament tar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Ispazju, Xjenza Malta tinsab fuq quddiem nett fit-tfassil tal-politika xjentifika, u tnaqqas id-distakk bejn il-prijoritajiet nazzjonali tar-riċerka u x-xejriet globali. Din is-sħubija se tgħin biex tgħaqqad lil Malta u lill-Italja mal-komunità xjentifika Ewropea usa’, billi toħloq koalizzjoni b’saħħitha li hi allinjata mal-policies tal-Unjoni Ewropea tal-R&I u l-prijoritajiet ta’ programmi tal-Horizon Europe - il-Programm tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.<br>

Permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ istituzzjonijiet qegħdin jimpenjaw ruħhom li jgħaqqdu l-għarfien tagħhom fl-indirizzar tal-isfidi reġjonali, fit-tibdil tal-klima, is-sikurezza tal-enerġija sas-saħħa u l-innovazzjoni teknoloġika. Din is-sħubija mhux biss taqdi l-interessi nazzjonali iżda wkoll issaħħaħ ir-reżiljenza tar-reġjun tal-Mediterran, u tikkontribwixxi għall-istabbilità u l-prosperità taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

Dan l-MoU iwitti t-triq għal mekkaniżmi konġunti ta’ finanzjament, skambji ta’ riċerkaturi, u proġetti transfruntiera li jkopru oqsma li jinkludu x-xjenza tal-baħar, il-preservazzjoni tal-wirt kulturali, is-saħħa,, u s-setturi li dejjem jikbru tat-teknoloġija ekoloġika, l-intelliġenza artifiċjali, u l-adattament għall-klima. Din il-kollaborazzjoni mistennija tindirizza sfidi urġenti fis-soċjetà, li jroddu benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini u jsaħħu l-importanza xjentifika dwar kwistjonijiet komuni li jaffettwaw ir-reġjun tal-Mediterran.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, is-Sur Silvio Scerri, ddeskriva din is-sħubija bħala pass importanti fil-kooperazzjoni reġjonali. "Din is-sħubija bejn Xjenza Malta u s-CNR tirrappreżenta mudell effettiv għal kollaborazzjoni reġjonali. Billi niġbru flimkien ir-riżorsi u l-għarfien tagħna, nistgħu mmexxu l-innovazzjoni ‘l quddiem u nindirizzaw l-isfidi globali ta’ żmienna permezz ta’ kooperazzjoni xjentifika sinifikanti",  stqarr Scerri. "L-iffirmar ta’ dan l-MoU huwa biss il-bidu tar- relazzjoni dinamika li qed nantiċipaw u li qed tevolvi, u li minnha se jibbenefikaw mhux biss Malta u l-Italja, iżda wkoll ir-reġjun usa’ tal-Mediterran, u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka”

Il-Professur Maria Chiara Carrozza, il-President tal-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka fl-Italja, tenniet l-istess opinjoni, u sostniet ir-rilevanza strateġika ta’ din is-sħubija. “Il-kollaborazzjoni bejn is-CNR u Xjenza Malta se tkabbar il-kapaċitajiet kollettivi tagħna fl-indirizzar ta’ sfidi xjentifiċi urġenti, filwaqt li trawwem l-ispirtu ta’ kooperazzjoni Ewropea u Mediterranja. Nistennew bil-ħerqa li naraw il-frott tal-potenzjal kbir li għandha din is-sħubija għall-iskoperta xjentifika u l-avvanz soċjali.”

Il-Mexxejja ta’ Xjenza Malta u tal-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka tal-Italja esprimew fiduċja kbira li din l-alleanza storika mhux biss se tagħti riżultati immedjati iżda wkoll se tkun il-pedament għal innovazzjoni sostenibbli u fit-tul. Iż-żewġ istituzzjonijiet huma ħerqana li jibdew dan il-vjaġġ flimkien, jantiċipaw sforzi ġodda tar-riċerka xjentifika u pijunieri ta’ kontribuzzjonijiet innovattivi li se jirrenjaw ferm lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom.

 

Dwar Xjenza Malta

Xjenza Malta hija l-aġenzija nazzjonali ta’ Malta responsabbli għall-promozzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni, u l-ispazju. Hija jservi bħala katalist għall-ekosistema tal-R&D tal-pajjiż, billi trawwem kollaborazzjonijiet internazzjonali u ssawwar policies li jallinjaw kemm mal-interessi nazzjonali kif ukoll mal-prijoritajiet xjentifiċi globali.

 

Dwar il-Kunsill Nazzjonali tar-Riċerka tal-Italja (CNR)

CNR hija l-akbar istituzzjoni ta’ riċerka pubblika fl-Italja, RPO (Research Performing Organization), magħrufa għall-mod multidixxiplinari tagħha u l-kontribut għall-eċċellenza xjentifika fuq skala globali. Filwaqt li topera taħt il-Ministeru tal-universitajiet u r-Riċerka tal-Italja, is-CNR għandha rwol ċentrali fl-avvanz tal-għarfien xjentifiku u l-innovazzjoni f’ oqsma diversi, mix-xjenza tas-saħħa sar-riċerka ambjentali.

 

Kalkara, Malta, 11 ta’ Settembru 2024