Fit-8 ta' Jannar 2025, l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) nediet it-tieni sejħa għall-offerti tal- Pjan ta’ Stat Ewropew kollaborattiv (PECS) għal Malta, sejħa li hija miftuħa għas-setturi privati u pubbliċi lokali, kif ukoll għal istituzzjonijiet akkademiċi, biex dawn ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet ta' riċerka u żvilupp relatati mal-Ispazju. Il-ftehim għal Pjan ta’ Stat Ewropew kollaborattiv (PECS), huwa mifrux fuq ħames snin, u ġie ffurmat mill-Aġenzija Spazjali Ewropea flimkien ma’ Xjenza Malta. Dan il-pjan għandu l-għan ewlieni li jaqdi l-ħtiġijiet ta' Malta biex tiżviluppa settur Spazjali bbażat fuq il-kapaċità tal-pajjiż.

Dawn it-tenders jippermettu lill-partijiet interessati lokali jissottomettu proposti ta' proġetti biex iwettqu riċerka fid-diversi setturi tal-Ispazju, bħal Space Upstream, Space Downstream u Edukazzjoni Spazjali. F'kull sejħa għall-applikazzjonijiet, l-ESA tistabbilixxi diversi kriterji li huma addattati biex jiżguraw it-tkabbir u l-iżvilupp meħtieġ fl-ekosistema spazjali lokali.

Wieħed mill-vantaġġi ewlenin tal-PECS huwa li jaġixxi bħala inkubatur għall-partijiet interessati domestiċi biex jikkompetu għall-tenders tal-ESA fuq livell nazzjonali. Dan jiggarantixxi li l-partijiet interessati lokali, jistgħu japplikaw għal dawn it-tenders mingħajr ma jkollhom għalfejn jikkompetu ma' kumpaniji u istituzzjonijiet minn pajjiżi Ewropej oħra, li għandhom aktar esperjenza u riżorsi. Il-partijiet interessati lokali jistgħu jiffurmaw kollaborazzjonijiet ma' sħab domestiċi oħra, u ma' kontropartijiet barranin li jistgħu jikkontribwixxu għall-proġett bħala subcontractors.

F'din it-tieni sejħa tal-PECS, riċerkaturi mis-setturi privati u pubbliċi, u mill-akkademja, huma mħeġġa jissottomettu proposti billi japplikaw permezz tal-pjattaforma ta' reġistrazzjoni ESA Star. Aktar informazzjoni dwar il-kriterji tas-sejħa tinsab fuq il-pjattaforma ESA Star u fuq is-sit elettroniku ta' Xjenza Malta. 

Din is-sejħa se tibqa' miftuħa sas-13.00 tad-19 ta' Frar 2025. Għal aktar informazzjoni dwar din is-sejħa għall-applikazzjonijiet, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-iSpace Unit ta’ Xjenza Malta fuq space.xjenzamalta@gov.mt