L-Istitut tax-Xjenzi Spazjali u l-Astronomija (ISSA) fi ħdan l-Università ta’ Malta reċentament iċċelebrat l-10 anniversarju mit-twaqqif tagħha, u rriflettiet dwar għaxar snin ta’ riċerka innovattiva, kollaborazzjonijiet globali, u għodod li jixprunaw edukazzjoni ta’ kwalità fl-oqsma tal-astronomija, l-astrofiżika u l-kożmoloġija.
Biex jiġi ċċelebrat dan it-tragward sinifikanti, nhar il-21 ta’ Marzu 2025, ISSA ospita avveniment speċjali ta’ networking b’kollaborazzjoni ma’ Xjenza Malta ġewwa Villa Bighi, fil-Kalkara. L-avveniment, minbarra li laqqa’ flimkien grupp varjat magħmul minn xjenzati, akkademiċi, professjonisti tal-industrija u dilettanti tal-ispazju, offra wkoll iċ-ċans li jirrifletti fuq il-kisbiet tal-aħħar għaxar snin filwaqt li jħares ’il quddiem lejn żviluppi futuri fix-xjenza spazjali.
Wara d-diskorsi tal-ftuħ li saru mis-Sur Omar Cutajar, Senior Director tat-Technical Units fi ħdan Xjenza Malta, u mid-Direttur ta’ ISSA fl-Università ta’ Malta, Prof. Alessio Magro, numru ta’ gradwati fl-oqsma tal-astronomija, l-astrofiżika u l-kożmoloġija, ippreżentaw il-proġetti tar-riċerka tagħhom lil dawk preżenti. Huma taw ħarsa lejn il-ħidma wiesgħa li saret minn ISSA u tkellmu dwar kif l-Istitut irawwem l-innovazzjoni u l-eċċellenza fid-diversi dixxiplini akkademiċi tiegħu. Il-milja tal-avveniment intlaħqet bil-wirja tal-kontribuzzjonijiet diversi u ta’ impatt li l-gradwati ta’ ISSA jħallu fuq il-komunità xjentifika lokali u Ewropea.
Fil-kummenti tal-ftuħ tiegħu, is-Sur Omar Cutajar qal li, “It-tkabbir ta’ ISSA matul l-aħħar għaxar snin kien wieħed notevoli. Is-suċċess tal-Istitut huwa xhieda tad-dedikazzjoni u l-passjoni tar-riċerkaturi u l-fakultà tiegħu, kif ukoll tal-ispirtu kollaborattiv li jmexxi l-innovazzjoni fix-xjenza spazjali. B’ħerqa kbira, bħala Xjenza Malta, lesti nissoktaw bl-appoġġ tagħna għall-missjoni tal-Istitut u beħsiebna nikkontribwixxu għall-futur sabiħ li għandna quddiemna.”
Prof. Alessio Magro, Direttur ta’ ISSA fl-Università ta’ Malta, tenna li, “Il-vjaġġ ta’ ISSA matul dawn l-aħħar għaxar snin kien wieħed inkredibbli. Minbarra li mxejna ’l quddiem fir-riċerka u l-għarfien fix-xjenza spazjali, irnexxielna wkoll inrawmu ambjent fejn l-innovazzjoni timraħ. Ninsab ħerqan ħafna dwar il-fażi li jmiss ta’ ħidmitna u l-impatt kontinwu li se jkollna fuq il-komunitajiet xjentifiċi kemm lokali kif ukoll internazzjonali.”
ISSA, li twaqqaf fis-sena 2014 mill-Prof. Kristian Zarb Adami mill-Università ta’ Malta, ma damx ma sar il-mexxej fir-riċerka interdixxiplinari, fit-taħlita tal-oqsma tax-xjenza, l-inġinerija u l-ICT. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-Istitut rawwem sħubijiet ma’ istituzzjonijiet prestiġjużi bħal Oxford, Cambridge u MIT, u rnexxielu jiżviluppa firxa ta’ infrastruttura avvanzata, li jinkludu faċilitajiet ta’ supercomputing u riċerka avvanzata tal-fiżika teoretika.
Għal aktar informazzjoni jew biex issir taf aktar dwar l-avvenimenti u l-programmi li ġejjin, jekk jogħġbok ikkuntattja lil ISSA fuq issa@um.edu.mt