Fl-okkażjoni ta’ Movember, Xjenza Malta u Esplora organizzaw sessjonijiet separati ta’ għarfien dwar is-saħħa għall-istudenti u għall-impjegati, immexxija minn Ms Michaela Farrugia, Higher Specialist Trainee fl-Uroloġija fl-Isptar Mater Dei.
- L-istudenti ddiskutew l-għarfien dwar il-kanċer, il-bidliet naturali fil-ġisem u drawwiet ta’ kuljum li jgħinu biex nieħdu ħsieb saħħitna, fosthom nutrizzjoni tajba, idratazzjoni, eżerċizzju fiżiku u protezzjoni mix-xemx. Permezz ta’ diskussjonijiet adattati għall-età tagħhom, ġew imħeġġa jistaqsu u jfittxu pariri mingħand adulti ta’ fiduċja u professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
- L-impjegati ddiskutew il-kanċer tal-prostata, tat-testikoli, tal-bużżieqa tal-awrina u tas-sider, bi gwida prattika dwar kif jagħrfu s-sintomi, jifhmu l-fatturi ta’ riskju u meta jfittxu parir mediku, kif ukoll il-benefiċċji u l-limitazzjonijiet tat-testijiet għall-iskrinjar tal-kanċer.
Iż-żewġ sessjonijiet enfasizzaw l-importanza tas-saħħa fiżika u mentali, filwaqt li offrew spazju miftuħ għal mistoqsijiet u diskussjonijiet dwar is-saħħa.
Din l-inizjattiva ħeġġet kemm lill-istudenti kif ukoll lill-impjegati biex jieħdu ħsieb saħħithom b’aktar għarfien u kunfidenza.


