F’isem il‑gvern Malti, Xjenza Malta addottat pożizzjoni fuq il‑Programm Kwadru l‑ġdid tar‑Riċerka u l‑Innovazzjoni bi tħejjija għall-ftuħ tan‑negozjati fuq il‑Programm il‑ġdid li jkopri mill‑2028 sal‑2034, u li hu mistenni li jkollu impatt importanti ferm fuq il‑futur tal‑politika tar‑riċerka u l‑innovazzjoni fuq livell Ewropew.
F’dan ir-rigward, il‑pożizzjoni ta’ Malta fuq il‑Programm Kwadru Ewropew għar‑riċerka u l‑innovazzjoni għall-perjodu bejn 2028 – 2034, turi l‑viżjoni u l‑prijoritajiet preliminari ta’ pajjiżna f’dan il‑qasam tant importanti.
Il‑messaġġi ewlenin mill‑pożizzjoni ta’ Malta jinkludu: it‑tisħiħ tal‑miżuri hekk imsejħa “Widening”, is‑simplifikazzjoni tal‑applikazzjonijiet, appoġġ aktar estiż għal sejħiet ta’ proġetti kollaborattivi; it‑tnaqqis u razzjonalizzazzjoniet tas‑sejħiet kollha, u żieda fil‑kollaborazzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni fuq livell internazzjonali.
Bħala l‑iżgħar stat membru tal‑Unjoni Ewropea, Malta toffri perspettiva distinta u siewja, li tisħaq l‑importanza tal‑inklussività, interkonnettività u l‑eċċellenza, filwaqt li tiżgura li l‑Istati Membri kollha tal‑UE jkunu jistgħu jipparteċipaw bis‑sħih fiwaqt li jibbenefikaw, mis‑soluzzjonijiet sostenibbli ta’ teknoloġiji avvanzati li ġew żviluppati permezz ta’ dan il‑Programm ewlieni ta’ finanzjament tar‑riċerka tal‑UE. Dan huwa pass kruċjali biex tissaħħaħ il‑kompetittività u r‑reżiljenza tal‑pajjiżi madwar l‑UE, u biex jiġu indirizzati b’mod effettiv l‑isfidi tal‑futur.
Xjenza Malta, bħala l‑aġenzija responsabbli biex tipprovdi pariri politiċi lill‑gvern dwar kwistjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, fasslet il‑pożizzjoni nazzjonali permezz ta’ stħarriġ dirett u immirat mal‑komunità lokali tar‑riċerka u l‑innovazzjoni, kif ukoll l‑organizzazzjoni ta’ sessjoni ta’ konsultazzjoni li seħħet nhar il‑11 ta’ Settembru 2024.