Il-qalb tajba, il-konnessjoni u li nkunu nafu kif ngħollu l-ispirtu ta’ xulxin jistgħu jdawlu d-dinja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Biex niċċelebraw il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, Xjenza Malta u Esplora, permezz tal-programm tagħna ta’ Responsabbiltà Soċjali Korporattiva, laqqgħu flimkien studenti u ħaddiema għal żewġ sessjonijiet siewja ffukati fuq is-saħħa mentali.
L-istudenti ngħaqdu ma’ Dr Daniel Vella Fondacaro, Psikjatra Konsulent fil-qasam tas-Saħħa Mentali tat-Tfal u l-Adolexxenti, u ħadu sehem f’Together for Mental Health, fejn qasmu ideat dwar kif inkunu ħbieb ta’ appoġġ, nagħrfu l-elementi b’saħħithom ta’ xulxin u nxerrdu l-empatija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Il-ħaddiema tagħna wkoll ingħaqdu flimkien għal Positive Wellbeing at the Workplace, sessjoni ferrieħa li ffukat fuq l-importanza li ngħinu lil xulxin, noħolqu konnessjonijiet pożittivi u nrawmu kultura tax-xogħol b’saħħitha u inkoraġġanti.
Flimkien, iż-żewġ sessjonijiet servew bħala tfakkira importanti li l-qalb tajba, il-fehim u l-għożża lejn xulxin jistgħu jagħmlu differenza sinifikanti fl-iskejjel tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-komunità usa’.



