F’konferenza organizzata minn Xjenza Malta b’kollaborazzjoni ma’ FinanceMalta, partijiet interessati mis-setturi bankarji, tal-assigurazzjoni, legali u governattivi ltaqgħu biex jiddiskutu l-konverġenza bejn it-teknoloġiji spazjali u s-servizzi finanzjarji. L-avveniment serva bħala pjattaforma strateġika biex jiġi esplorat kif id-dejta satellitari qed toħloq mudelli ta’ negozju ġodda u ttejjeb il-ġestjoni tar-riskju f’oqsma bħall-konformità u l-finanzi.

Waqt li indirizza lill-parteċipanti, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, enfasizza li l-ekonomija spazjali m’għadhiex settur imbiegħed, iżda forza li diġà qed tittrasforma s-servizzi professjonali globali. “Din il-konferenza wriet b’mod ċar l-impenn ta’ Malta biex tiżgura li s-servizzi professjonali tagħha jkunu mgħammra biex jisfruttaw it-teknoloġiji spazjali, jattiraw investiment ta’ valur għoli, u jikkontribwixxu għal tkabbir sostenibbli mmexxi mill-innovazzjoni,” stqarr is-Segretarju Parlamentari.

Iċ-Chairperson ta’ FinanceMalta, George Vella, innota b’sodisfazzjon l-opportunitajiet emerġenti għas-settur finanzjarju Malti f’din l-ekosistema globali. Is-Sur Vella stqarr li, “Malta dejjem pożizzjonat ruħha fuq quddiem nett fl-innovazzjoni. L-ekonomija spazjali li qed tikber b’rata mgħaġġla tippreżentalna opportunità unika għas-setturi finanzjarji, tal-assigurazzjoni u legali tagħna biex ikunu mexxejja globali billi jmexxu mudelli ta’ negozju ġodda u jsaħħu l-oqfsa regolatorji.”

Il-programm tal-konferenza indirizza wkoll ix-xenarju regolatorju u leġiżlattiv li qed jevolvi ta’ Malta, b’fokus fuq l-Istrateġija Spazjali Nazzjonali u l-Att dwar l-Attivitajiet Spazjali. Dawn jipprovdu qafas robust għat-tkabbir u l-investiment, filwaqt li jiffaċilitaw il-kollaborazzjoni bejn setturi differenti.

Id-diskussjonijiet tefgħu wkoll dawl fuq l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-applikazzjonijiet prattiċi tal-osservazzjoni tad-Dinja. L-interess qawwi f’dan l-avveniment kien rifless fil-preżenza ta’ bosta rappreżentanti minn kumpaniji fintech, banek, ditti legali, u entitajiet ta’ investiment.

Permezz ta’ dawn l-inizjattivi, is-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni, flimkien ma’ Xjenza Malta, qed ikompli jaħdem biex ipoġġi lil Malta bħala ċentru kredibbli u kompetittiv fi ħdan l-ekosistema spazjali globali.